Darba, waħda mara, xirfet ‘il barra minn darha wara li kienet semgħet xi ħadd jiċċaqlaq fil-fetħa ta’ quddiem il-bieb ta’ barra. Rat tliet ixjuħ, b’leħja twila bajda u libsin xi ftit differenti wieħed mill-ieħor. Kienu hemm bilqiegħda fuq l-għatba. Qatt ma kienet rathom qabel.
“Jien ma nafkomx”, qaltilhom, “imma tidhru għajjenin u għandkom ġuħ klubi fuqkom. Għaddu ġewwa ħalli nagħmlilkom xi ħaġa x’tieklu.” “Le,” qabeż wieħed minnhom. “Aħna ma nistgħux nidħlu t-tlieta f’daqqa ġo darek!” “U għaliex le?” staqsiet mistagħġba l-mara. Dak malajr ipponta subgħajh lejn wieħed minn sħabu x-xjuħ u qalilha “Ara, dak jismu Ġid. U dan sieħbi l-ieħor jismu Suċċess. Jien jisimni Mħabba. Issa mur ħdejn żewġek u ftiehem miegħu liema wieħed minna tridu li jidħol f’darkom. Hekk it-tlieta f’daqqa ma nidħlux, imma wieħed wieħed biss!”
U l-mara daħlet malajr qrib żewġha u qaltlu b’dan kollu. Wiċċ ir-raġel xegħel bil-ferħ. “Mela, jekk hu hekk”, qalilha b’ħafna eċitament fuqu, “ejja nistiednu lil Ġid. Għidlu jidħol ġo darna biex jimlihielna bil-ġid!” Il-mara ma qablitx. “Imma, għażiż tiegħi, għaliex ma nistiednux lil Suċċess?” Binthom kienet fil-kamra l-oħra tissemma’ kollox. Malajr tfaċċat ħdejn missierha u ommha. Riedet tgħid tagħha wkoll: “Mhux aħjar nistiednu Imħabba? Hekk darna timtela’ bl-imħabba, li hi l-aqwa ħaġa!” “Iva, kos!”, kompla l-missier. “Ara fittex mur tihom risposta. Għidilhom li l-ewwel wieħed li nistiednu għandu jkun Imħabba. Nixtiequh ikun il-mistieden ta’ l-unur f’darna.”
Il-mara hekk għamlet. Ix-xwejjaħ li kien jismu Imħabba, qam minn fejn kien u beda dieħel lejn id-dar. Ħin bla waqt, iż-żewġt ixjuħ l-oħra, qamu wkoll u taw is-salt biex jidħlu warajh. Il-mara nħasdet. Daret fuqhom u qaltilhom: “Jien lil Imħabba stedint u mhux lilkom. Dan kif se taqbdu u tidħlu f’dari! Intom m’għedtux li ma tistgħux tidħlu t-tlieta f’daqqa?” U t-tlieta weġbuha b’leħen wieħed: “Kieku stedint lil Ġid jew lil Suċċess, it-tnejn l-oħra kienu jibqgħu barra. Imma la stedint l-Imħabba, ikollna nidħlu miegħu. Għax fejn tidħol l-Imħabba, l-Ġid u s-Suċċess jimxu warajh.”
U tul din is-sena l-ġdida lil min se tistieden f’ħajtek u f’darek?
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)