- Wasalna fl-aħħar ġimgħa tas-sena 2014! Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom matul is-sena. Flimkien irnexxielna mmexxu ‘l quddiem it-tagħlim tat-tfal tagħna. Dalwaqt ser nibagħtulkom in-Newsletter tal-Milied mat-tfal. Nisperaw li togħġobkom. Hija mimlija informazzjoni u xogħol tal-istudenti. Fiha hemm il-kalendarju b’xi dati importanti.
- Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru 2014 ser jittella’ l-Kunċert tal-Milied fl-iskola. Il-ġenituri tat-tfal kollha huma mistiedna. Jistgħu jigu sa tnejn min-nies minn kull familja. Il-concert jibda fid-9.15am. Il-bieb jinfetaħ fid-9am. Ovvjament it-tfal jixtiequ li jkollhom udjenza! Għalhekk hija ħasra jekk il-ġenituri jitilqu wara li jaraw lit-tifel/tifla tagħhom. Huwa ppjanat li l-attivita’ ddum ftit aktar minn sagħtejn. Ser ikollna fotografu u vidjografu biex jieħdu ritratti u vidjow professjonali. Dawn ikunu għall-bejgħ f’Jannar. Min irid jieħu xi ritratt hu, jista’ jagħmel dan minn postu.
- Nhar it-Tnejn 22 ta’ Diċembru hi l-aħħar ġurnata tal-iskola. Dakinhar ikollna purċissjoni madwar l-iskola wara d-9am u jsiru l-parties fil-klassijiet.
- Fis-7 ta’ Jannar ser nibagħtulkom informazzjoni dwar l-elezzjoni tal-Kunsill Skolastiku 2015 – 2016 u l-Elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti tal-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS). Jekk ikun hemm aktar minn tliet ġenituri li jkunu ħarġu għall-Kunsill Skolastiku, nhar it-23 ta’ Jannar 2015 issir elezzjoni għaż-żewġ kumitati. Jekk le, issir l-elezzjoni għall-MAPSSS biss. Inħeġġukom ilkoll tiġu l-iskola tivvutaw.
- Hemm il-pjan li jsir kors tal-First Aid għall-ġenituri matul il-ġurnata. Dawk li huma interessati għandhom jibagħtu imejl fuq sic.siggiewi.pr@gov.mt jew iħallu isimhom, numru tal-mowbajl u d-dettalji mas-segretarja.
Nixtiqulkom Milied hieni u j’Alla l-2015 iġġib magħha ferħ u saħħa għall-familja tagħkom.
P Decelis
Kap tal-iskola
17/12/2014