Naqraw ftit…
Kien hemm negozjant li tant spiċċa bi djun kbar li ma setax isib soluzzjoni ta’ kif isalva n-negozju tiegħu! Dawk li kien jinvestu għandu dawru wiċċhom u għalqulu l-bibien, dawk li kellhom jieħdu minn għandu bdew jissikkaw ferm fuqu biex jieħdu flushom lura!
Darba waħda intasab bilqiegħda fuq bank fi ġnien, ddisprat iżomm rasu f’idejh, jitlob, jittama u jaħseb kif se jsalva l-kumpanija minn falliment totali! Mingħajr ma nduna tfaċċa ħdejh anzjan u qallu, “Tidher li inti ferm inkwetat ħabib!”
In-negozjant dak li kien qed jistenna, li dlonk fetaħ qalbu miegħu u rrakkuntalu l-isfortuna li ħakmet il-kumpanijia tiegħu u l-inkwiet kbir li għandu jara lilu nnifsu jfalli mingħajr tama ta’ xejn!
Kif in-negozjant spiċċa jitkellem, l-anzjan qallu, “Nemmen li jien nista’ ngħinek taf?” Staqsieh x’jismu u l-anzjan ħareġ ċekk, kitiblu fih, twieh u tah lin-negozjant. Qallu, “Ħu dawn il-flus. Niltaqgħu bħal llum sena oħra hawn preċiż u dakinhar roddli flusi lura.” Qam u telaq fl-istess silenzju li bih tfaċċa quddiem in-negozjant.
In-negozjant fetaħ iċ-ċekk u fih kien hemm miktub xejn inqas mis-somma sabiħa ta’ €500,000 u iffirmat bl-isem ta’ John D. Rockefeller, wieħed mill-iktar nies sinjuri fid-dinja dawk iż-żminijiet!
In-negozjant mill-ewwel għamel il-qalb għax irrealizza li l-inkwiet tiegħu spiċċa fix-xejn b’somma bħal dik! Imma wara ftit iddeċieda li jerfgħu’ f’sejf dak iċ-ċekk mingħajr ma jmiss ċenteżmu minnu. Il-fatt li jaf li hemm dawk il-flus merfugħin tatu t-tama li hemm mod kif isalva n-negozju tiegħu. B’ottimiżmu kbir, fittex u sab kif jinnegozja ma’ kumpaniji oħra li aċċettaw il-kundizzjonijiet li preżentalhom. Fil-fatt il-bejgħ reġa’ beda u ftit ftit ir-rota reġgħet bdiet iddur għall-kumpanijia tiegħu b’konsegwenza li rrexxielu jeħles mid-djun kollha li kellu u jara profit ukoll!
Sena malajr għaddiet u reġgħet waslet il-ġurnata mifthema ma’ dak l-anzjan sinjur fil-ġnien. Kollu ferħan mar jistenna fuq l-istess bank, bl-istess ċekk li kien tah! Fil-ħin miftiehem l-anzjan deher ġej. Imma eżatt kif in-negozjant li ser jgħaddilu lura ċ-ċekk u jibda jirrakuntalu s-suċċess li rnexxielu jagħmel minn dakinhar li ltaqgħu, jara ners ġejja tiġri lejhom u x’ħin waslet qabdet lill-anzjan minn idu! “Mn’alla lħaqtu fil-ħin ara! Nittama li ma kienx qed idejqek ghax il-ħin kollu jaħarbilna mid-dar tal-anzjani fejn jgħix u jgħid lil kulħadd li hu John D. Rockefelle!”
Flimkien mal-anzjan daru lura u telqu.
In-negozjant baqa’ ħalqu miftuħ miblugħ! Għal sena sħiħa stinka u ħadem, xtara u bigħ ċert li taħt rasu kellu nofs miljun ewro! F’daqqa wahda rrealizza li ma kinux il-flus li tawh il-kuraġġ li jerġa’ jibda jemmen fih innifsu u jgħix! Kienet il-kunfidenza fih innifsu li dak l-anzjan tah, li jista’ jirnexxi u li tatu l-qawwa jakkwista dak li xtaq li jseħħ!
Naħsbu ftit…
Kemm-il darba naqtgħu qalbna li mhu ser jirnexxilna xejn fil-ħajja? Meta jiġrilna hekk neħlu u nibqgħu lura . Min-naħa l-oħra meta xi ħadd jagħtina farka tama, nerġgħu nibdew nemmnu fina nfusna u mill-ewwel nibdew ġejjin ‘il quddiem. Hemm bżonn li nemmnu fina nfusna dejjem u mhux biss meta jkun hemm xi ħadd li joffri tama biex nirnexxu fil-ħajja tagħna.
Nidħku ftit…
Fl-aħħar tas-sena, kif spiċċaw l-eżamijiet, omm Joey staqsietu, “Allura kienu diffiċli xejn il-mistoqsijiet?”
“Ma kinux daqshekk ħżiena tafx,” weġibha t-tifel. “Iktar ir-risposti tawni kedda!” 🙂 🙂 🙂
Tislijiet – Josette Attard/Elisa Vassallo
Għalliema tal-PSCD