Aqra u Irrifletti – IMMA MHUX GĦALXEJN

Wieħed negozjant li kien qiegħed igawdi l-vaganzi tiegħu ħdejn il-baħar kien miexi fuq ramla. Tul il-bajja mixħutin fuq ir-ramel kien hemm mijiet ta’ starfish li kienu ttellgħu bil-mewġ tal-baħar. Dawn kienu jmutu sa kemm jerġa’ jitla’ l-ilma.

In-negozjant lemaħ tifel ċkejken jimxi żewġ passi, jitbaxxa u jiġbor xi ħaġa. It-tifel kien qed jimxi mal-bajja jiġbor  dawn il-ħlejqiet imwaħħla mar-ramel bla ħila u jerġa’ jitfagħhom fil-baħar biex jistgħu jkomplu jgħixu.  Kull waħda li kien jiġbor kien iwaddabha  b’ħafna  mħabba lura fil-baħar.

In-negozjant, bix-xewqa li jagħti lezzjoni fis-sens komun lil dan it-tfajjel resaq lejh u qallu: ‘Hemm x’qed tagħmel ibni? Naf li għandek qalbek tad-deheb u qiegħed tipprova tagħmel xi ħaġa ta’ ġid, imma ma taħsibx li qed taħli ħinek? Ma tafx kemm hawn bajjiet fid-dinja simili għal din fejn eluf u miljuni ta’ starfish imutu kuljum minħabba li jitħallew fuq ir-ramel mill-baħar? Taħseb li dak li qed tagħmel int se jagħmel differenza?’

It-tifel ħares ‘il fuq lejn ir-raġel, imbagħad tbaxxa u ġabar starfish u waqt li tefagħha fil-baħar qal lir-raġel: ‘Imma għal dik se tagħmel differenza!’

Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSD)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *