Aqra u Irrifletti – L-EKU TAL-ĦAJJA

Missier u ibnu kienu qed jagħmlu passiġġata fil-muntanji. F’daqqa waħda, it-tifel waqa’ u weġġa’ tant li beda jgħajjat u jwerżaq: ‘AAAAħħħ!!!’ Baqa’ mbellah x’ħin sema’ l-istess vuċi tiegħu tidwi ma’ kullimkien u tirrepeti ‘AAAAħħħ!… AAAAħħħ!… AAAAħħħ! Mal-muntanji kollha.
Għalhekk, b’kurżita’ kbira għajjat: ‘Int min int?’ Ir-risposta li kiseb lura kienet: ‘Int min int?’ It-tifel saħan għal din ir-risposta u werżaq : ‘Int beżżiegħ!’ Tistgħu taħsbu x’kienet ir-risposta: ‘Int beżżiegħ!’
It-tifel ma felaħx iktar. Ħares lejn missieru u staqsieh x’kien qed jiġri. Il-missier tbissem u qallu: ‘Ibni, oqgħod attent u ara x’se nagħmel jien’. U l-missier għajjat b’vuċi soda lejn il-muntanja: ‘Jien nammirak!’ U l-vuċi weġbitu: ‘Jien nammirak!’
Ir-raġel reġa’ għajjat: ‘Int m’hawnx aħjar minnek!’ U l-vuċi weġbitu: ‘Int m’hawnx aħjar minnek!’
It-tifel issa iktar stagħġeb iżda ma’ seta’ jifhem xejn. Il-missier dar lejh u qallu, ‘Dan jissejjaħ EKU, iżda fil-verita’ din hija l-ĦAJJA. Il-Ħajja tagħtik lura dak kollu li int tgħid u tagħmel. Ħajjitna hi sempliċiment riflessjoni tal-azzjonijiet kollha tagħna.
Jekk trid issib l-imħabba fid-dinja, qis li tħobb ħafna inti. Jekk trid li l-grupp tiegħek jirnexxi u jistinka f’xogħlu, kun int li l-ewwel tagħmel l-isforz tiegħek u stinka. Jekk trid min jirrispettak, irrispetta lil ħaddieħor int. Jekk trid min jifraħ bik, ifraħ int bl-oħrajn. Jekk trid min jifhmek, ifhem lil ħaddieħor int.
Dan veru f’kollox: il-ħajja tagħtina lura dak kollu li aħna nkunu offrejnielha.
Jekk qed tħoss li l-ħajja qed tagħtik mill-agħar, staqsi l-ewwel jekk int tajthiex mill-agħar!

Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSD)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *