Aqra u Irrifletti – X’SE JISTAQSIK?

X’SE JISTAQSIK?

Bdejna sena ġdida. U l-ġdid dejjem iġib miegħu tama ġdida u xewqat ġodda. Ma’ kull sena ġdida kulħadd jagħti ħarsa lura u oħra ‘l quddiem. Kulħadd isaqsi: kif għextha li għaddiet? Kif nixtieq ngħixha din li ġejja? Kulħadd jixtieq li din is-sena tkun waħda TAJBA! – almenu tkun waħda aħjar minn dik ta qabilha.

Il-vera mistoqsija hija: xi jfisser li jkollok SENA TAJBA?

Forsi tajjeb li flok nagħmlu l-mistoqsija aħna nħallu lil Dak li tana l-ħajja jagħmlilna l-mistoqsija! Imma hu jsaqsi mistoqsijiet xi ftit differenti minn tagħna. Jekk tagħraf x’mhux se jsaqsik, forsi tagħraf dak li se jsaqsik.

Henjin dawk li jisimgħu l-mistoqsijiet veri li jagħmel Alla. U mberkin aktar dawk li din is-sena jagħrfu jweġbuhom.

Aħseb ftit fuq dawn il-mistoqsijiet u ddeċiedi kif tixtieq twieġeb.

Awguri għas-sena l-ġdida!

  1. Alla mhux ser isaqsik x’karozza kellek jew kont issuq; se jsaqsik lil kemm nies qdejt bil-karozza tiegħek.
  2. Alla mhux ser isaqsik kemm kienet kbira d-dar li kellek; se jsaqsik kemm ilqajt nies ġewwa darek.
  3. Alla mhux ser isaqsik xi ħwejjeġ kellek fil-gwardarobba; se jsaqsik lil kemm nies tajt l-ilbies li kienu jeħtieġu.
  4. Alla mhux ser isaqsik kemm kien l-ogħla salarju li qlajt; se jsaqsik kemm kont onest biex qlajtu.
  5. Alla mhux ser isaqsik x’kien ix-xogħol li kellek; se jsaqsik jekk għamiltux bl-imħabba.
  6. Alla mhux ser isaqsik kemm kellek ħbieb; se jsaqsik ta’ kemm nies kont tassew ħabib.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSD)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *