Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Novembru, żaret l-iskola Primarja tas-Siġġiewi l-awtrici famuża Anna Wilson. Din iż-żjara saret bis-saħħa ta’ Miller Distributors li jqassmu l-kotba ta’ din l-awtriċi f’Malta. Anna Wilson tiffoka ħafna fuq l-annimali fil-kotba tagħha.
Il-laqgħa kien fiha tliet taqsimiet. Fl-ewwel parti, bl-għajnuna ta’ powerpoint presentation u l-mod uniku tagħha, drammatiku f’xi waqtiet, l-awtriċi tkellmet dwar kif bdiet tikteb, x’inhuma l-aktar affarijiet li jispirawha sabiex tikteb u l-esperjenzi personali matul ħajjitha li wassluha sabiex tikteb ħafna dwar l-annimali.
Fit-tieni parti tal-attivita’, l-istudenti preżenti li kienu tfal mit-tielet sas-sitt sena tal-iskola tas-Siġġiewi, għamlu mistoqsijiet intelliġenti li l-awtriċi wieġbet bil-ħeġġa li hi magħrufa għaliha.
Fl-aħħarnett, b’paċenzja kbira, hija ffirmat in-numru kbir ta’ kotba li l-istudenti ġabu magħhom, kotba li tant jappellaw għalihom u jogħġbuhom. L-awtriċi wriet l-apprezzament tagħha għal din il-laqgħa u waqt li ffirmat il-ktieb tal-viżitaturi kellha kliem ta’ tifħir għall-iskola.
P Decelis
Kap tal-iskola