TAĠEN AKBAR
Żewġt irġiel marru jistadu. Wieħed minnhom kien espert fis-sajd u l-ieħor ma kienx. Kull darba li l-espert kien jaqbad ħuta, kien ipoġġiha fil-basket bis-silġ biex tibqa’ friska. Kull meta l-ieħor kien jaqbad ħuta, kien jerġa’ jarmiha lura fil-baħar. L-espert kien ilu josserva din il-biċċa xogħol għal ġurnata sħiħa. Fl-aħħar ma felaħx aktar jarah jaħli dak il-ħut kollu. “Għaliex qed terġa’ twaddab dak il-ħut tajjeb kollu fil-baħar?” staqsa lil sieħbu.
“Għax jien kull m’għandi hu taġen żgħir,” wieġbu l-ieħor.
Xi kultant aħna wkoll nagħmlu hekk. Flok naddattaw ruħna għall-ħajja nippretendu li l-ħajja tadatta ruħha għalina. U, jaħasra, nitilfu opportunitajiet kbar u sbieħ sempliċiment għax nibqgħu imwaħħlin mal-ideat, il-biżgħat, il-qtigħ il-qalb u n-nuqqas ta’ kuraġġ tagħna.
Meta se tibda temmen fik innifsek? Meta se tibda tafda l-ħajja? Meta se tkun lest tirriskja?
Ftit eżempji:
Le…Dak għalxejn tkellmu. Anqas biss lest jisimgħek!
Le…Min jitwieled tond ma jmutx kwadru. Jien hekk magħmul u għalxejn noħlom li xi darba se ninbidel.
Le…Dik żġur ma nsajjarhiex. Anqas qatt ma ppruvajtha!
Mela flok tarmi dak li tagħtik il-ħajja, mhux aħjar tiftaħ u tkabbar qalbek biex tilqgħu. L-itjeb platti tal-ħajja mhux fit-taġen isiru, imma fis-sħana ta’ qalb taħraq!
Tislijiet,
Doreen Aquilina
MarieClaire Sammut
(Għalliema tal-PSD)