Għeżież ġenituri u carers. Wasalna fix-xahar ta’ Ġunju. Dan ifisser li bilmod il-mod sena oħra skolastika qed tasal fi tmiemha. Filwaqt li nawguraw lill-istudenti kollha li ser jagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena, nixtiequ minn issa nawgurawlkom ukoll Sajf sabiħ mimli mistrieħ. Din ser tkun l-aħħar storja li ser naqsmu magħkom għal din is-sena pero b’tama li niltaqgħu s-sena d-dieħla. Ħalli naraw naqra tazza ħalib x’tista’ qatt tfisser!
Kien hemm tifel fqir li biex ikun jista’ jkompli l-istudji tiegħu fl-iskola kellu jaħdem. Għalhekk kien idur bieb bieb ibigħ xi affarijiet u ġurnata wahda sab li kien għad fadallu biss 10ċ. Dakinhar verament kien bil-ġuh u ddeċieda li fil-bieb li kien imiss iħabbat jitlobhom xi ħaġa tal-ikel. Imma naqaslu l-kuraġġ u staħa meta il-bieb li ħabbat fetħitlu tfalja gustuża. Minflok ikel talabha biss għal tazza ilma. It-tfalja tħassritu meta ratu daqshekk bil-ġuh u wara ftit ġiet b’tazza kbira mimlija bil-ħalib. It-tifel xorobha bilmod u x’ħin kien lest staqsieha, “Kemm għandi nagħtik ta’ din it-tazza ħalib?” “M’għandek għalfejn tagħtini xejn, weġbitu hi, “Ommi għallmitni li mhux sew titħallas meta tgħin u tagħmel karita’ ma’ xi ħadd.” Hu qalilha, “Nirringrazzjak minn qigħ qalbi!”
Hekk kif sellmilha u kompla miexi, Howard Kelly mhux biss ħassu b’saħħtu fiżikament peress li xorob dik it-tazza kbira ħalib, imma reġa’ rabba fiduċja f’Alla u li għad fadal nies b’qalbhom tajba. Dan l-aħħar kien beda jaqta’ qalbu minn kollox u kien kważi ddeċieda li jieqaf jistudja.
Għaddew is-snin u dik t-tfajla mardet serjament. It-tobba kollha li marret għandhom ma setgħux jifhmu x’għandha u b’hekk bagħtuha fi isptar ikbar fiċ-ċentru tal-belt, fejn kien hemm speċjalisti biex jistudjaw il-marda rari tagħha bit-tama li jsibu kura għaliha! Dr. Howard Kelly ġie mgħajjat għall-konsulta. Meta sema’ l-isem tar-raħal minn fejn kienet ġejja din il-pazjenta donnu ftakar f’xi ħaġa. Mill-ewwel mar jiċċekja minn kienet din il-pazjenta u baqa’ sakemm sab is-sala li kienet fiha u daħal ħdejn din il-mara liebes il-ġagaga ta’ tabib speċjalista. Għarafha fil-pront! Issa kien ċert li kienet hi u reġa’ mar lura fil-kamra fejn kienet qed issir il-konsultazzjoni, determinat li ser jagħmel dak kollu possibli minnu biex isalvalha ħajjitha! U minn dakinhar beda jagħti attenzjoni speċjali lill-każ tagħha.
Wara taqbida kbira, kif jgħidu l-battalja ġiet mirbuħa. Dr. Kelly talab li jinħareġ il-kont finali li kellha bżonn dik il-mara, u talab li qabel jagħtuh lilha jgħaddi għandu. Iċċekja li kollox kien sew u kiteb xi ħaġa fin-naħa ta’ isfel tal-kont. Imbagħad ordna li l-kont jingħata lill-pazjenta li issa kienet fieqet. Min naħa tagħha dik il-mara kienet xi ftit inkwetata qabel tiftaħ il-kont għax kienet ċerta li żgur kienet ser tibqa’ tħallsu kemm iddum ħajja. Kienet qed tistenna li tara kont għoli! Fl-aħħar għamlet il-qalb u fetħet il-kont u mill-ewwel ġibditilha l-attenzjoni nota miktuba isfel nett. Il-mara bidet taqra hekk:
“Imħallsa b’tazza ħalib”
Iffirmatha, Dr. Howard Kelly
Tislijiet,
Josette Attard
Elisa Delia
Doreen Aquilina