Nirriflettu ftit:- It-Tieqa tal-Isptar

Għeżież ġenituri u carers iż-żmien jgħaddi ġmielu u diġa qegħdin fix-xahar li jimmarka t-tielet u l-aħħar term tas-sena skolastika.  Nittamaw li l-istorja bi ħsieb tassew ħelu tinżel tajjeb magħkom u min jaf forsi tkun ukoll mezz li bih taraw il-ħajja minn perspettiva differenti.

Żewġt irġiel serjament morda poġġewhom flimkien fl-istess karma ġo sptar. Wieħed mill-irġiel kellu bżonn jgħaddi siegħa waħda fil-ġunata bilqegħda fis-sodda minħabba problema li kellu fil-pulmun.  Dan il-pazjent kellu s-sodda tiegħu viċin l-unika tieqa li kien hemm fil-kamra.  Ir-raġel l-ieħor ma setax iqum bilqegħda, anzi kellu bilfors joqgħod mindud wiċċu ‘l fuq il-ġurnata kollha.  Fi żmien qasir l-irġiel saru ħbieb kbar u kienu jgħaddu l-ħin kollu jitkellmu.  Daqqa fuq in-nisa u l-familji tagħhom, id-djar fejn kienu joqogħdu u x-xogħolijiet li għamlu f’ħajjithom.  Is-servizz tagħhom li taw meta kienu fil-militar u fejn kienu jħobbu jqattgħu l-vaganzi tagħhom biex jistrieħu.

Kull darba li kienet tasal dik is-siegħa li l-pazjent ta’ ħdejn it-tieqa ried joqghod bilqegħda, kien jiddeskrivi lil sieħbu dak kollu li kien jara mit-tieqa.  Ir-raġel li kellu bilfors joqgħod mindud wiċċu ‘l fuq kien jistenna b’ħerqa kbira li tasal din is-siegħa, għax permezz ta’ hekk id-dinja u l-ħajja kienet tidher inqas monotona. Anzi seta’ jimmaġina dinja fem sabiħa b’dak li kien jiddeskrivilu l-ħabib tiegħu.  Mit-tieqa kien jidher ġnien b’lag kbir fin-nofs mimli papri u ċinji.  Ġieli kien ikun hemm ħafna tfal ċkejknin jilagħbu b’dgħajjes tal-logħob fl-ilma wkoll.  Maħbubin mexjin id f’id jippassiġġaw qalb il-ħafna fjuri ta’ kull lewn.  Fil-bogħod kien jidher il-bini tal-belt li tistħajlu qed jaħbat mat-tarf tas-sema.

Waqt li r-raġel ta’ ħdejn it-tieqa kien jiddeskrivi b’tant dettalji, ir-raġel l-ieħor mindud fis-sodda, n-naħa l-oħra tal-kamra kien jagħlaq għajnejh u jpinġi dawn ix-xeni sbieħ kollha f’moħħu.  Darba minnhom ir-raġel ta’ ħdejn it-tieqa qallu li kien hemm parata għaddejja.  U għalkemm l-ieħor ma setax jisma’ l-ħoss tal-banda xorta seta’ jaraha.  Seta’ jibni stampa tassew ċara daqs kemm sieħbu beda jiddeskrivilu b’mod tajjeb!

Għaddew il-ġranet u anki ġimgħat.  Jum minnhom, waslet in-ners bħas-soltu biex iġġibilhom l-ilma ħa jinħaslu.  X’ħin waslet qrib ir-raġel ta’ ħdejn it-tieqa tinduna li dan kien mejjet. Miet waqt li kien mistrieħ rieqed.  B’qalbha sewda sejħet għall-għajnuna ta’ nersis oħra biex ineħħuh minn hemm.

Ir-raġel l-ieħor meta sab il-waqt it-tajjeb, staqsa jekk setgħux ipoġġu lilu fis-sodda ta’ ħdejn it-tieqa.  Bil-qalb kollha n-ners qagħtet ix-xewqa tiegħu. Wara li għenitu u rat li kien komdu u ma jonqsu xejn iktar, ħallitu waħdu.

Bil-mod u b’ħafna uġigħ, irnexxielu jistrieħ fuq il-minkeb biex b’hekk fl-aħħar ikun jista’ jagħti titwila lid-dinja ta’ barra.  Bi sforz kbir ittawwal ‘il barra mit-tieqa maġenb is-sodda u kull ma jara kien ħajt faċċata tiegħu!  Ir-raġel staqsa lin-ners x’segħtet kienet ir-raġuni li ġiegħlet lil sieħbu jiddeskrivi dawk ix-xeni tant sbieħ barra mit-tieqa.

In-ners weġbitu li dak il-pazjent kellu nuqqas ta’ dawl u b’hekk ma kienx jaf li barra it-tieqa hemm ħajt!

Hi qaltlu, “Jista’ jagħti l-każ li ried jagħmillek kuraġġ biex tħares lejn il-ħajja minn lenti ta’ xena sabiħa.  Xtaqek taqsam miegħu il-mod pożittiv ta’ kif hu kien iħares lejn il-ħajja.”

 

Tislijiet,

Josette Attard

Elisa Delia

Doreen Aquilina

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *