Merħba mill-ġdid, għeżież ġenituri u carers. Diġa għadda xahar minn din is-sena ġdida. Iċ-ċelebrazzjonijiet u festi li magħhom iġibu l-Milied u l-Ewwel tas-Sena għaddew ukoll. Rigali min jaf kemm qlajna u tajna, u xi wegħda magħna nfusna biex ninbidlu għall-aħjar ma naqsitx ukoll. Ħsibna li għal dan ix-xahar nitkellmu xorta fuq ir-rigali – rigali xi ftit speċjali.
Tifla ta’ tlett snin qagħlet kastig mingħand missierha talli bdiet taħli ħafna wrapping paper kulur id-deheb. Il-missier beda jirrabja iktar meta bintu pruvat tgeżwer kaxxa biex tpoġġiha taħt is-siġra tal-Milied. Ma setgħux jaħlu peress li kienu għaddejjin minn żmien diffiċli finanzjarjament.
Madanakollu t-tifla ma tatx kas ta’ missierha u l-għada xorta tagħtu r-rigal li lestiet għalih u qaltlu, “Dan għalik papa’!” il-missier ħassu xi ftit iddispjaċut li bintu xorta marret tagħtih ir-rigal avolja kien ħatafha, imma r-rabja li kellu malajr reġgħet faret hekk kif isib li l-kaxxa kienet vojta!
Beda jgħajjat magħha, “Inti ma tafx li m’għandek qatt tagħti rigal vojt lil xi ħadd?
It-tifla ċkejkna ħarset lejn missierha bid-dmugħ f’għajnejha u weġbitu, “Papa’, il-kaxxa mhux vojta. Jien tfajt ħafna u ħafna bews fiha. U kollha għalik, papa’!”
Il-missier ma felaħx jitkellem, kull ma għamel kien li għannaqha waħda kbira miegħu filwaqt li beda jitlobha maħfra! Il-missier baqa’ jgħożż dik il-kaxxa mgeżwra f’karta kulur id-deheb fuq il-komodina ħdejn is-sodda tiegħu, għal snin twal. Kull darba li kien iħossu jaqta’ qalbu fil-ħajja jew iħossu waħdu u ħadd ma jifhmu, kien jiftaħ il-kaxxa u minnha joħroġ bewsa. Dan kollu kien ifakkru fl-imħabba kbira li bintu kienet poġġiet f’din il-kaxxa għalih. Il-kaxxa saret rigal ta’ valur wisq akbar minn kull rigal ieħor li kien irċieva.
Fil-verita’, kull wieħed u waħda minna għandna kaxxa tad-deheb kontiwament mimlija b’imħabba infinit u bews mingħand uliedna, ħbieb, membri tal-familja u Alla. Ma jeżisti l-ebda rigal iktar prezzjuż minn hekk. Jekk nitgħallmu napprezzawh verament ħadd ma jkun jista’ jeħodulna.
Tislijiet,
Josette Attard
Elisa Delia
Doreen Aquilina
******