Nirriflettu ftit:- In-Nassa tal-Ġurdien.

 Merħba għal sena ġdida, għeżież ġenituri u carers.  Iċċelebrajna t-twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu u ninsabu fuq l-għatba tas-sena 2013.  J’Alla  dak kollu li ser iġġib magħha din is-sena nitgħallmu u nikbru minnu ilkoll.  Dan ix-xahar għandna storja oħra għalikom li għalkemm mit-titlu wieħed jaħseb li għandha x’taqsam mal-ġrieden, filfatt hija dwarna u dwar ħajjitna.  Nittamaw li togħġobkom.

Ġurdien ċkejken ittawwal mit-toqba tiegħu bil-moħbi hekk kif sema’ lill-bidwi u lil martu jiftħu pakkett imgeżwer.  “Tgħid x’tip ta’ ikel fih dak il-pakkett?” beda jaħseb f’qalbu l-ġurdien.  Ħassu ser imut bil-qatgħa li ħa hekk kif induna li ma kienet xejn ħlief nassa għall-ġrieden!

Dlonk mar fil-bitħa tar-razzett jgħajjat mal-annimali l-oħra, “Ġabu nassa għall-ġrieden! Ġabu nassa għall-ġrieden!”

It-tiġieġa li kienet qed tqaqi u tiekol għolliet rasha għall-għajjat tal-ġurdien u qalet, “Sur Ġurdien tidher ferm inkwetat b’dak li rajt u għandek raġun tibża u tinkwieta.  Imma jidher ċar ukoll li lili lanqas biss taffetwani u allura minix biħsiebi ninkwieta wisq fuqha din il-biċċa.”

Il-ġurdien dar fuq il-ħanżir u beda jispjegalu dwar in-nassa!  Il-ħanżir veru beda jitħassru jarah daqshekk inkwetat lill-ġurdien imma kulma qallu kien, “Il-veru qed jiddispjaċini għalik Sur Ġurdien jaħasra, imma jien ma nista’ nagħmillek xejn ħlief nitlob għalik.  Inwegħdek li mhux ser ninsik fit-talb tiegħi.”

Fil-qrib kien hemm il-baqra u kif il-ġurdien dar lejha biex jgħidilha bl-inkiwet tiegħu, hi weġbitu “Wow, Sur Ġurdien.  X’biċċa din!  Imma jien x’għandi x’naqsam?”

Iddispjaċut bil-kbir, il-ġurdien baxxa rasu imdejjaq u rrassenjat li ser ikollu jsolvi dan l-inkwiet waħdu mingħajr għajnuna!

Dak il-lejl stess ġara li nstema’ ħoss fid-dar – ħoss propju ta’ nassa li fiha nqabad xi ħaġa jew aħjar xi annimal!  Mart il-bidwi marret tiġri tara x’kien inqabad fin-nassa f’dak id-dlam tal-lejl.  U propju għax kien id-dlam, il-mara tal-bidwi ma ndunatx li kien denb ta’ serp velenuż li nqabad fin-nassa!  Hekk kif resqet viċin, is-serp gidimha.  Il-bidwi kellu jeħodha malajr l-isptar biex jippruvaw ifejquha u bagħtuha lura d-dar tbati minn deni qawwi.

Issa biex jinżel id-deni l-bidwi kellu bżonn isajjar soppa minn tiġieġa friska u allura mar fir-razzett isib lit-tiġieġa u qatilha biex b’hekk seta’ jsajrilha din is-soppa!  Imma sfortunament id-deni ma ried jinżlilha b’xejn lill-mart il-bidwi.  Il-ġirien ġew jagħtu l-għajnuna tagħhom billi bdew joqogħdu magħha ftit ħin kull wieħed!  U bħala ringrazzjament tal-għajnuna tagħhom, il-bidwi beda jsajrilhom xi ħaġa x’jieklu.  Qatel lill-ħanżir u sajru.  Il-mara tiegħu ma setgħet tiġi xejn f’tagħha u filfatt ftit ġranet wara, mietet.  Tant ġew nies għall-funeral li l-bidwi kellu joqtol lill-baqra wkoll biex jitma lin-nies kollha li kien hemm.  Il-ġurdien b’qalbu sewda, kien qed josserva dan kollu mit-toqba tiegħu.

Qatt m’għandna nirraġunaw li meta problema ma tmissniex mill-viċin allura ma nagħtux kas!  Jekk xi ħadd minna qed ibati, jista’ jagħti l-każ li kollha kemm aħna qegħdin f’riskju.  Aħna kollha qegħdin f’baħar wieħed u allura fi dmirna li nkunu sensittivi għall-bżonnijiet ta’ xulxin.  Għandna nagħmlu minn kollox biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin.  Kull wieħed u waħda minna niffurmaw parti importanti fil-ħajja ta’ xulxin.

Tislijiet,

Josette Attard

Elisa Delia

Doreen Aquilina

Għalliema tal-PSD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *