Festa San Nikola

Festa sabiħa b’risq il-Patrun tar-Raħal.  Il-festa tax-xitwa.  Il-festa tat-tfal. San Nikola bħala ċ-ċentru u l-promutur tas-solidarjeta’ ma’ min hu aktar fil-bżonn. Għalhekk fi tmiem iċ-Ċelebrazzjoni saret għotja lill-Caritas Malta.  Flus miġbura dak il-ħin stess u oħrajn miġbura waqt Jeans Day li saret ġranet qabel fl-iskola.

Il-festa bdiet bi proċessjoni li telqet mill-bitħa tal-iskola, bil-parteċipazzjoni tal-Banda San Nikola, tal-Grupp tal-armar, tal-iScouts tas-Siġġiewi, l-istaff, l-istudenti u ġenituri, flimkien ma’ numru sabiħ ta’ Siġġiwin u anke nies oħra li ingħaqdu magħna. Fosthom ingħaqad ukoll l-Arċisqof Emeritu Monsinjur Ġużeppi Mercieca.  Il-purċissjoni għaddiet mit-toroq tar-raħal sakemm waslet il-pjazza.  Hemmhekk it-tfal għoxew waqt it-tfiegħ tal-karti u bżieżaq ħomor u sofor.

Il-festa laħqet il-qofol tagħha b’quddiesa ċċelebrata mill-Arċipriet .  Waqt l-omelija, studenti mir-Raba’ Sena ppreżentaw siltiet mill-ħajja ta’ San Nikola.  Ingħaqdu magħna għal dan il-jum speċjali xi studenti miċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Wardija u oħrajn mill-iskola ta’ San Anton tal-Imselliet.  Dawn setgħu jaraw tradizzjoni ħajja maltija, dik ta’ festa brijuża bid-daqq tal-marċi.  Ferħ  li jġagħlna naħsbu fil-ferħ li nistgħu noħolqu għal xulxin jekk naħdmu id f’id u  ngħinu  lil min hu fil-bżonn.

P Decelis

Kap tal-iskola

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *