Merħba għeżież ġenituri u “carers”, reġa’ għadda xahar ieħor. Dan ix-xahar iddeċiedejna li niffukaw fuq tema li ħafna drabi ftit nagħtu kasha u forsi ħafna minnkom ma jagħtuhiex daqshekk importanza fil-ħajja tagħhom.
B’liema mod tħarsu lejn ħajjitkom? Liema doża ta’ pożittivita’ hemm fil-mod kif taħsbu? Mhux faċli li nkunu pożittivi dejjem jew il-ħin kollu, imma ma nagħmlux ħażin li nibdew nemmnu fil-qawwa li ħsieb pożittiv jista’ jħalli f’ħajjitna.
Naħsbu b’mod pożittiv jgħinna nilħqu għanijiet f’ħajjitna, anki dawk li huma diffiċli. Hemm żewġ aspetti importanti li jiġu affetwati meta jirnexxilna naħsbu b’mod pożittiv.
« L-attitudni b’mod ġenerali ta’ kif niffaċjaw u naraw il-ħajja. Din l-attitudni ser taffetwa il-mod kif naħsbu, kif ser ninterpretaw dak li jiġrilna u b’liema mod nikkontrollaw l-esperjenzi tagħna.
« Kif naraw lilna nfusna, xi stima għandna tagħna infusna u kif naħsbu li l-oħrajn jarawna. Dan kollu ser jaffetwa l-kunfidenza fina nfusna, l-imġiba u r-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn kemm ma’ dawk l-aktar viċin tagħna u anki mal-kumplament tad-dinja.
Naħsbu pożittiv ifisser inħarsu b’lenti ta’ tama lejn id-dinja. Huwa il-mod ta’ kif l-affarijiet jagħmlu sens għalina, li nkunu sinċiera magħna nfusna l-ewwel u qabel kollox. Minn hekk ser jiddependi ħafna kif nagħrfu u nifhmu l-problemi li niffaċjaw f’ħajjitna. Jgħinna nifmhu iktar l-azzjonijiet u l-emozzjonijiet tagħna. Filfatt meta nagħżlu li nkunu pożittivi l-problemi nibdew nitgħallmu narawhom opportunitajiet li bihom nistgħu nikbru. Nibdew nindunaw li aħna miftuħin għal possibiltajiet f’ħajjitna li jagħmluna aktar sodi li nidħlu bi sfida quddiem diffikultajiet.
Meta uliedna jarawna naġixxu hekk, inkunu qed ngħaddulhom messaġġi ta’ kif ikunu verament b’saħħithom fil-karattru. Kif jgħid tajjeb il-Malti l-eżempju jkaxkar. Mela attitudni pożittiva ser toħloq xi ħaġa oħra pożittiva f’uliedna u m’hemmx għalfejn tkun xi ħaġa li ser tiġri dak il-ħin stess imma ssir għodda li t-tfal jistgħu xi darba jużaw f’xi sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha!
Hawn ftit suġġerimenti żgħar biex nirnexxu nkunu pożittvi. Qabel xejn importanti li nifmhu sewwa u nipprattikawhom spiss kemm jista’ jkun sakemm isiru kważi awtomatiċi:-
- Emmen fil-kapaċitajiet tiegħek biex tirnexxi f’dak li tixtieq tagħmel. Emmen li l-futur tiegħek tista’ tagħmlu aħjar billi temmen dejjem f’dak li tagħmel.
- Emmen li int kapaċi tikkontrolla dak li taħseb u li b’xi mod ser jirnexxilek tasal fejn trid.
Tislijiet,
Josette Attard
Elisa Delia
Doreen Aquilina